F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino ħabbar li l-Kabinett għadu kemm approva żewġ abbozzi ta’ liġijiet rigward il-kostruzzjoni. Dawn huma l-Att dwar ir-Regolamenti tal-Bini (Building Regulations Act) u l-ħarsien tal-propjeta ta’ terzi waqt l-attivita tal-kostruzzjoni (Regulations on the Avoidance of Damage to Third party Property). L-Att dwar ir-Regolamenti tal-Bini għad irid jiġi diskuss u approvat mill-Parlament wara s-sajf.
Il-Ministru Pullicino saħaq li l-ewwel regolamenti li ser jinħarġu taħt din il-liġi ser ikunu regolamenti maħsuba biex titħares il-propjeta ta’ terzi waqt l-attivita tal-kostruzzjoni (Regulations on the Avoidance of Damage to Third party Property). Dawn ir-regolamenti huma maħsuba biex il-propjeta’ ta’ terzi tiġi mħarsa aħjar waqt attivita’ ta’ Kostruzzjoni.
Dan hu propost li jsir billi kull min ser jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni, ser ikun obbligat illi jipprepara method statement, jiġifieri dokument li jiddeskrivi kif ser isir ix-xogħol. Dan jiġi sottomess lill-Uffiċċju tal-Regolamenti tal-Bini fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali filwaqt li jkun aċċessibbli għall-pubbliku anki permezz tal-internet. Il-Pubbliku se jkollu l-faċilita’ li joġġezzjona għal xi żvillupp jekk iħoss li dan il-mission statement ma jipprovdix biżżejjed sigurta għal propjeta’ tagħhom F’ każijiet ta’ xogħlijiet li jinvolvu twaqqigħ ta’ binjiet u skavar, dan il-method statement se jkun ta’ importanza vitali, għax huwa l-aktar waqt attivita’ ta’ dan it-tip li hemm ċans ta’ xi ħsara fil-propjeta ta’ terzi.
La darba jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti, l-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini ser ikollu l-poter iwaqqaf ix-xogħlijiet li jkunu għaddejjin jekk il-method statement ma jipprovdix biżżejjed sigurta għall-propjeta tat-terzi jew jekk saħansitra dan ma jkunx ġie sottomess. Dawn ir-regolamenti jipprovdu wkoll li se jkunu jistgħu jitwaqqfu x-xogħlijiet kemm-il darba l-kuntrattur ma jkunx qed jaħdem skont il-method statement sottomess.
Il-Ministru Pullicino spjega wkoll li obbligu ieħor li ser jidħol f’dawn ir-regolamenti huwa dak tal-assigurazzjoni. Kull minn qed jagħmel xi xogħol ta’ bini irid ikun kopert permezz tal-assigurazzjoni. Peress li l-assigurazzjoni li tingħata ma tkoprix ċerti ħsarat relativament żgħar bħal konsenturi rqaq jew ħsarat fil-madum pereżempju tal-kamra tal-banju, ir-regolamenti jaħsbu għal żewġ miżuri.
L-ewwel illi fejn ikun hemm claims ta’ terzi dawn jiġu riferuti għal arbitraġġ mandatorju flok ma jkun deċiż mill-Qorti. B’hekk it-terzi li jsofru ħsarat ikollhom deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr. It-tieni, l-iżvilupatur ser ikollu jagħmel Garanzija Bankarja. B’hekk f’każ ta’ ħsarat l-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini se jkun jista’ jagħmel il-ħlasijiet dovuti abbażi ta’ deċiżjoni tal-arbitraġġ.
Il-Ministru Pullicino sostna li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa illi jitjiebu l-prattici ta’ xogħol biex b’hekk jonqsu il-ħsarat, jonqos l-inkwiet tal-ġirien u jonqsu l-kwistjonijiet li jispiccaw il-qorti.
Il-Ministru Pullicino fakkar li dawn ir-regolamenti huma frott ta’ konsultazzjoni li saret matul ix-xhur li għaddew, kemm fil-Kunsill Konsultativ tal-Industrija tal-Bini (BICC) kif ukoll mal-pubbliku. Il-Ministeru rcieva numru tajjeb ta’ kummenti u suġġerimenti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li permezz ta’ dan il-proċess sar ħafna titjib mill-ewwel abbozz tar-Regolamenti. Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min ipparteċipa f’dan il-proċess, lill-pubbliku inġenerali, NGO’s, il-BICC u lill-Malta Insurance Association
Il-Ministru Pullicino żied jgħid li dan huwa Att illi juri l-impenn tal-Gvern biex ikun hemm titjib fl-istandards jew aħjar fil-kwalita’ tal-kostruzzjoni biex min qed jixtri l-binja jkollu garanzija ta’ xogħol serju u ta’ kwalita. Il-ħtieġa u l-bżonn li kontinwament naħdmu biex titjieb il-kwalita’ tal-kostruzzjoniji tal-bini hija fl-aħħar mill-aħħar għal-benefiċċju taċ-ċittadin, temm jgħid il-Ministru Pullicino.